Timijiet Ġudizzjarji

Il-kunċett ta’ “Tim tal-Ġudikatura” ġie introdott xi snin wara bi ftehim bejn il-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien, Dr Austin Gatt, u l-Prim Imħallef ta’ dak iż-żmien, Joseph Said Pullicino. Sa dak iż-żmien ma kienx rari li Mħallef jew Maġistrat ma jkollux deputat reġistratur jew skrivan tal-qorti li jkun marbut miegħu b’mod permanenti, iżda li jkollu jserraħ fuq min ikun ġie assenjat mir-Reġistratur fuq bażi ta’ kuljum biex ipoġġi fil-qorti mal-Imħallef jew mal-Maġistrat imsemmi. Ovvjament, dan ħoloq għadd ta’ problemi, mhux l-inqas bl-ammont konsiderevoli ta’ xogħol stampat li neċessarjament jippreċedi u jsegwi kull seduta ta’ qorti. Għalhekk ġie miftiehem li minn issa ‘l quddiem kull membru tal-ġudikatura jkollu tim bħala parti mill-persunal “regolari” tiegħu. Kull Imħallef jew Maġistrat ikun responsabbli għat-tim tiegħu stess sa fejn ikun relatat max-xogħol assenjat lil dak l-Imħallef jew Maġistrat, bir-Reġistratur u d-Direttur Ġenerali (Diviżjoni tal-Qrati) iżommu biss kontroll mill-bogħod fuq il-membri tat-tim b’rabta ma’ kwistjonijiet ta’ dixxiplina u, f’każ ta’ emerġenza, trasferiment temporanju biex jassisti membru ieħor tal-ġudikatura.

B’mod ġenerali, is-sistema ħadmet tajjeb, għalkemm għadd ta’ postijiet f’ħafna timijiet — speċjalment karigi li jinvolvu persunal minuri — baqgħu battala minħabba restrizzjonijiet ġenerali fuq ir-reklutaġġ fis-servizz ċivili.

Tim tipiku ta’ Mħallef sedenti fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili jkun jinkludi Assistent Ġudizzjarju, Viċi Reġistratur, Skrivan tar-Reġistru, Assistent tal-Qorti, żewġ uffiċjali “persunal minuri” (eż. usher jew messaġġier), u xufier. Xi membri tal-ġudikatura, minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom — pereżempju l-Imħallfin sedenti fit-Taqsima tal-Familja tal-Qorti Ċivili — ġew assenjati aktar minn Assistent Ġudizzjarju u Deputat Reġistratur wieħed.

Il-figura ewlenija f’kull tim hija d-Deputat Reġistratur, li jikkoordina l-ħidma tal-membri l-oħra tat- “Tim Ġudizzjarju” partikolari minbarra dak tal-Assistent Ġudizzjarju. Fil-każ ta’ qorti kolleġġjali — il-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti tal-Appell u l-Qorti tal-Appell Kriminali — id-Deputat Reġistratur jaġixxi taħt id-direzzjoni ġenerali tal-president tal-qorti kkonċernata.
 
Fl-2017, l-Avukati tal-Qorti ġew introdotti biex jassistu lill-Imħallfin fl-abbozzar ta’ Sentenzi u deċiżjonijiet oħra, sabiex jiġi indirizzat ix-xogħol b’lura ta’ kawżi pendenti għal sentenza.
Skip to content