Il-Maġistrati

Bħall-Imħallfin, il-Maġistrati jinħatru mill-President ta’ Malta li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-artikolu 96A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Il-Maġistrati jippresjedu fil-Qrati Inferjuri u jgawdu mill-istess sigurtà tal-kariga bħall-Imħallfin, bis-salarju tagħhom ikun ukoll maħruġ mill-Fond Konsolidat u li ma jistax jitnaqqas (ara l-informazzjoni dwar l-Imħallfin).

Biex jinħatar Maġistrat, wieħed irid ikun ipprattika bħala avukat f’Malta għal mhux inqas minn seba’ snin. Sa ftit ilu, Maġistrat kellu jitlaq mill-kariga tiegħu meta jilħaq l-età ta’ sittin sena, li kienet anomalija peress li l-età ġenerali tal-uffiċjali pubbliċi li jirtiraw kienet ta’ wieħed u sittin sena. Din l-età obbligatorja tal-irtirar issa żdiedet għal ħamsa u sittin, u b’hekk saret konformi ma’ dik tal-Imħallfin. Maġistrat, bħall-Imħallfin, jista’ jagħżel li jibqa’ jservi sal-età ta’ tmienja u sittin sena. 

Qabel ma jibda jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, Maġistrat irid jieħu quddiem il-President ta’ Malta l-ġurament preskritt ta’ lealtà u l-ġurament tal-kariga.

Fil-Gżira ta’ Għawdex, il-Maġistrati jwettqu l-funzjonijiet ta’ Imħallfin f’ħafna materji ċivili. Fil-fatt il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) għandha ġurisdizzjoni doppja: ġuriżdizzjoni inferjuri li permezz tagħha tieħu konjizzjoni tal-kawżi kollha ta’ natura ċivili li f’Malta jinstemgħu mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u ġuriżdizzjoni superjuri li permezz tagħha tieħu konjizzjoni, b’xi eċċezzjonijiet, tal-kawżi li f’Malta jinstemgħu mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili u mill-Qorti Ċivili (it-Taqsima tal-Ġurisdizzjoni Volontarja). Eċċezzjoni notevoli hija fir-rigward ta’ applikazzjonijiet jew referenzi li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem (kemm f’termini tal-Kostituzzjoni kif ukoll f’termini tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem), li dejjem iridu jiġu pproċessati fl-ewwel istanza quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta. Sa ftit żmien ilu, l-appelli minn sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-ġuriżdizzjoni superjuri tagħha nstemgħu minn qorti magħmula minn tliet Maġistrati li jivvjaġġaw regolarment lejn Għawdex minn Malta biex jisimgħu dawn l-appelli. Dawn l-appelli issa jinstemgħu f’Għawdex minn Imħallef wieħed.

Il-Qorti tal-Maġistrati, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex tisma u tiddeċiedi wkoll kawżi ta’ natura kriminali. Il-Kodiċi Kriminali jistipola illi reati li l-pieni tagħhom ma jabżux is-sentejn priġunerija għandhom jinstemgħu mill-Qorti tal-Maġistrati. Reat li l-pieni tagħhom jaqbżu s-sentejn prinġunerija għandhom jinstemgħu mill-Qorti Kriminali iżda l-Avukat Ġenerali jista’ jagħti l-kunsens tiegħu sabiex reati li l-pieni tagħhom huma bejn is-sentejn u s-sitt snin priġunerija jinstemgħu u jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati. Reati li l-piena tagħhom taqbeż is-sitt snin priġunerija huma soġġetti għall-kumpilazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u f’każ li l-piena ma taqbiżx it-tnax-il sena priġunerija, l-Avukat Ġenerali jista’ jibgħat l-atti lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex tiddeċiedi l-każ hi, diment li l-akkużat jagħti l-kunsens tiegħu. Reati li l-piena tagħhom taqbeż it-tnax-il sena priġunerija jiġu deċiżi mill-Qorti Kriminali ladarba tintemm il-kumpilazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. 

Diversi Imħallfin sedenti u anke irtirati servew bħala Maġistrati qabel ma nħatru Mħallfin. Dawn huma, f’ordni ta’ anzjanità, Abigail Lofaro, Anthony Ellul, Jacqueline Padovani Grima, Edwina Grima, Miriam Hayman, Giovanni Grixti, Consuelo Scerri Herrera, Anthony Vella, Grazio Mercieca, Francesco Depasquale, Aaron Bugeja, Joanne Vella Cuschieri, Doreen Clarke u Josette Demicoli.
 
Skont l-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, il-Prim Imħallef jista’ jaħtar wieħed mill-Maġistrati bħala Maġistrat Anzjan. Il-persuna hekk maħtura, li ma għandhiex għalfejn tkun il-persuna li hija l-aktar anzjana f’termini ta’ ħatra għall-Bank tal-Maġistratura, għandha twettaq dawk id-dmirijiet u l-funzjonijiet li jistgħu jiġu assenjati lilha mill-Prim Imħallef jew kif jista’ jiġi pprovdut minn kwalunkwe liġi li tkun fis-seħħ għalissa. Numru ta’ Maġistrati s’issa nħatru b’dan il-mod minn meta nħoloq l-uffiċċju fl-2007: Michael Mallia (issa rtirat), Silvio Meli (issa rtirat), Jacqueline Padovani Grima, Antonio Mizzi (issa rtirat) Anthony Vella, Audrey Demicoli, Neville Camilleri u Doreen Clarke (kollha tmexxew fi żmien debitu lejn il-Qrati Superjuri bħala Mħallfin). Il-Maġistrat Anzjan attwali hija Dr Gabriella Vella.
 
Il-Maġistrati attwali huwa magħmul kif ġej:
 
  • Maġistrat Dr Gabriella Vella (Maġistrat Anzjan)
  • Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit
  • Maġistrat Dr Marse-Ann Farrugia
  • Maġistrat Dr Ian Farrugia
  • Maġistrat Dr Charmaine Galea
  • Maġistrat Dr Joseph Mifsud
  • Maġistrat Dr Monica Vella
  • Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech
  • Maġistrat Dr Caroline Farrugia Frendo
  • Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace
  • Maġistrat Dr Rachel Montebello
  • Maġistrat Dr Simone Grech
  • Maġistrat Dr Astrid May Grima
  • Maġistrat Dr Nadine Lia
  • Maġistrat Dr Victor George Axiak
  • Maġistrat Dr Brigitte Sultana
  • Maġistrat Dr Noel Bartolo
  • Maġistrat Dr Lara Lanfranco
  • Maġistrat Dr Leonard Caruana
  • Maġistrat Dr Elaine Rizzo
  • Maġistrat Dr Kevan Azzopardi
  • Maġistrat Dr Abigail Critien
  • Maġistrat Dr Giannella Camilleri Busuttil
  • Maġistrat Dr Joseph Gatt 
  • Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia
  • Maġistrat Dr Jean Paul Grech
  • Maġistrat Dr Nadia-Helena Vella
  • Maġistrat Dr Ann Marie Thake
  • Maġistrat Dr. Antoine Agius Bonniċi
 
(Ikklikkja fuq l-ismijiet enfasizzati b’tipa grassa biex tara l-curriculum vitae)
 
Skip to content