Il-Ġudikatura

F’Malta l-membri tal-ġudikatura huma dawk l-Imħallfin u l-Maġistrati maħtura biex jippresjedu fil-Qrati Superjuri u Inferjuri f’termini tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-Kostituzzjoni. Għalkemm is-sistema ġudizzjarja, jiġifieri t-twaqqif ta’ qrati u tribunali maħsuba għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim legali, tipprevedi uffiċċji oħra — pereżempju Kummissarji għall-Ġustizzja, Aġġudikaturi (li jpoġġu fit-Tribunali għal Talbiet Żgħar), arbitri, assistenti (li jpoġġu ma’ Maġistrat fil-Qorti tal-Minorenni) — l-Imħallfin u l-Maġistrati maħtura f’termini tal-Kostituzzjoni biss jistgħu jissejħu, kollettivament, bħala Ġudikatura.

Anki l-Imħallfin irtirati u l-Maġistrati rtirati, li jistgħu jinħatru biex jippresjedu fuq ċerti tribunali, mhumiex membri tal-ġudikatura għall-finijiet tal-Kostituzzjoni. Bl-istess mod, ċittadin Malti maħtur biex jippresjedi f’qorti internazzjonali jew tribunal internazzjonali ma jsirx, bis-saħħa ta’ dik il-ħatra, membru tal-ġudikatura skont il-liġi Maltija sakemm qabel dik il-ħatra ma kienx Imħallef jew Maġistrat skont l-Artikoli 96 jew 100 tal-Kostituzzjoni.
Skip to content